Aqbeż għall-kontentut

Mosta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mosta
 Malta
Amministrazzjoni
Stat sovranMalta
Reġjuni ta’ MaltaTramuntana
Ġeografija
Koordinati 35°54′N 14°26′E / 35.9°N 14.43°E / 35.9; 14.43Koordinati: 35°54′N 14°26′E / 35.9°N 14.43°E / 35.9; 14.43
Mosta is located in Malta
Mosta
Mosta
Mosta (Malta)
Superfiċjenti 6.8 kilometru kwadru
Demografija
Popolazzjoni 20,241 abitanti (31 Marzu 2014)
Informazzjoni oħra
bliet ġemellati Ragusau Millbrae (mul) Translate
mostalocalcouncil.com
Mosta (2000)

Il-Mosta hija lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta. Il-qaddisa patruna tal-Mosta hija Santa Marija Assunta, li tiġi ċċelebrata fil-15 ta' Awwissu. Fil-Mosta wieħed isib it-tielet l-akbar koppla fid-dinja, bażilika minuri iddedikata lil Santa Marija Assunta imma magħrufa aħjar bħala r-Rotunda.[bżonn referenza]

Il-Mosta tinsab fuq pjanura u hija mdawra b’art agrikola fertili. Fost l-irħula ġirien hemm Ħal Lija, San Pawl il-Baħar, ir-Rabat u n-Naxxar. Il-Mosta tinsab fuq ir-rotta prinċipali li minn il-Belt Valletta tagħti għaċ-Ċirkewwa u kuljum jgħaddi minnha ammont kbir ta’ traffiku li jkun qed jaqsam il-gżira min-naħa għall-oħra. Il-Mosta tinsab 9 km 'il bogħod mill-Belt Valletta.[bżonn referenza]

Il-Mosta minn raħal kiber biex issa ħa d-daqs ta' belt Maltija, jgħodd it-25,496 ċittadin Mosti sal-aħħar tas-sena 2024.[1] Dan jagħmel il-Mosta waħda mill-iktar lokalitajiet popolati f'Malta. Matul l-aħħar ftit deċenji, ġew żviluppati żoni residenzjali u oqsma ta' djar ġodda, pereżempju fiż-żoni ta' Santa Margerita, Ta' Mlit, Tal-Blata l-Għolja, Tal-Qares, u ż-Żokrija.

Il-motto tal-Mosta Spes Alit Ruricolam ("It-tama ssaħħaħ lill-bidwi") jagħti xhieda lill-imgħoddi rurali tal-lokalità. Iżda llum, l-urbanizzazzjoni mxiet ‘il quddiem u l-attivitajiet agrikoli tal-Mostin u l-art agrikola naqsu b’mod konsiderevoli. Iż-żona mibnija issa xterdet għal dawk li qabel kienu l-inħawi rurali ta’ barra tar-raħal żgħir tal-Mosta, li issa sar raħal sinifikanti u mimlija ħajja.[bżonn referenza]

Hekk kif fl-ibliet u l-villaġġi l-oħra kollha fil-gżejjer Maltin, it-tradizzjonijiet Kattoliċi huma ħajjin u attivi ħafna. B’hekk il-festa titulari tal-Mosta li hija dik ta’ Santa Marija jew ta’ Marija Assunta, hija l-quċċata fiċ-ċelebrazzjonijiet lokali reliġjużi u popolari fejn il-Mostin jinġabru quddiem ir-Rotunda f’manifestazzjoni ta’ ferħ u briju.

Bħall-maġġoranza kbira ta’ l-ibliet u l-villaġġi madwar id-dinja, il-Mosta wkoll għandha l-istemma araldika tagħha. Dan is-simbolu jirrifletti t-twemmin u l-assi tal-Mosta li jidhru fil-partijiet varji ta’ l-istemma. It-tarka tal-fidda għandha salib aħmar li fiċ-ċentru tiegħu hemm ċirku blu li fih hemm stilla bajda b’ħames ponot. Is-salib aħmar jissimbolizza l-fidi Kattolika li minn dejjem kienet predominanti fil-ħajja u t-twemmin tan-nies lokali. Iċ-ċirku jirrappreżenta r-Rotunda, waqt li l-istilla hija s-simbolu tal-Madonna Assunta, il-qaddisa patruna tar-raħal.[2]

L-isem ‘il-Mosta’ għandu żewġ għeruq plawżibbli iżda għad ma ġiex stabbilit liema minn dawn huwa dak korrett. L-ewwel verżjoni joffriha l-arkitett famuż George Grognet de Vassé li ddisinja r-Rotunda tal-Mosta. Skont dan l-arkitett, ‘il-Mosta’ ġejja mill-kelma ‘mistur’ jew moħbi u tirreferi għas-sit fejn tinsab din il-belt. Peress li din il-pjanura hija mdawra b’għoljiet, il-Mosta donna moħbija u ma tidhirx. It-tieni ipoteżi tiffoka fuq il-kelma Għarbija ‘musta’ li tfisser ċentrali jew fin-nofs. Skont din il-verżjoni għaldaqstant l-isem ġej mill-pożizzjoni tas-sit fiċ-ċentru tal-gżira ta’ Malta.[3]

Għalkemm jista’ hemm xi dubji dwar minn liema minn dawn it-tnejn huwa ġej isem il-belt, m’hemm l-ebda dubji dwar kemm għandha ż-żmien il-lokalità tal-Mosta. Bla ebda dubju hija waħda mill-eqdem komunitajiet tal-gżejjer. Insibu evidenza ta’ dan f’sejbiet arkeoloġiċi li jagħtu xhieda ta’ abitazzjoni sa miż-żmien preistoriku, pereżempju fiż-żona magħrufa bħala Ta' Bistra.[3]

L-istorja tal-Mosta kienet imlewna b’episodji ta’ kemm ferħ kif ukoll tbatija. Kienet waħda mill-irħula milquta minn kunflitti bħal attakki korsari fil-Medjuevu u fi Żminijiet Moderni Bikrin. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-lokalità ta' spiss esperjenzat attakki mill-ajru. Il-koppla tal-Mosta kienet ġiet milquta minn bomba Ġermaniża fl-1942, iżda din ma splodietx.[4]

Il-Knisja Rotunda tal-Mosta - Il-Bażilika ta’ Santa Marija

[immodifika | immodifika s-sors]
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Bażilika ta' Santa Marija Assunta, Mosta.

Bla dubju tispikka il-knisja fiċ-ċentru tar-raħal. Din inbniet fuq pjanta tal-arkitett George Grognet de Vassé madwar u minflok knisja antika ddisinjata mill-arkitett Tumas Dingli. Il-bini beda fl-1833 u kien komplut fl-1860. F'din il-knisja nsibu diversi pitturi u skulturi, kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra.

Fid-9 ta' April 1942, waqt it-tieni gwerra dinjija, waqgħet bomba u taqqbet il-koppla tal-knisja, iżda din ma splodietx. Fl-2018, il-knisja ingħatat it-titlu ta' Bażilika Minuti mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Xi ftit postijiet ta' interess

[immodifika | immodifika s-sors]

Monument tal-iljun

Statwa tal-Iljun fi Pjazza Rotunda

Karatteristika prominenti ta’ Pjazza Rotunda kienet statwa ta’ iljun fuq pedestall, iżda din tneħħiet fl-2023 u tpoġġiet fi Ġnien Reggie Cilia, jiġifieri l-ġnien pubbliku ta’ wara l-knisja. Darba, din kienet parti minn funtana li oriġinarjament kienet f’Tas-Sliema. Minn dakinhar il-funtana tneħħiet. L-istatwa hija magħmula minn ħadid fondut kulur il-bronż. Din saret fil-Funderija ta’ Val d’Osne f’Pariġi. Imqabbża fuq il-pedestall hemm l-arma tal-Mosta u dawk ta’ Malta indipendenti.[5][6]

Katakombi Ta' Bistra

Katakombi Ta' Bistra, imdawlin

Il-Katakombi Ta’ Bistra huma l-akbar sett ta’ katakombi misjuba sal-lum barra r-Rabat, u jinsabu fi Triq il-Missjunarji Maltin fil-Mosta, fiż-żona magħrufa bħala "Tal-Beżbiżija". Dawn il-katakombi ġew irreġistrati għall-ewwel darba fis-snin 1800 iżda ġew investigati biss fl-1933 mill-Kaptan Charles Zammit, qabel ma parti mis-sit ġiet mgħottija minn triq ġdida li tinżel għal Burmarrad. Dawn il-katakombi fihom fdalijiet li jmorru lura għall-ewwel seklu A.D.[7]

Studji ulterjuri fl-2004, 2013, u 2014 ġabu s-sit lura għall-ħajja b'skoperti ġodda. Dan is-sit kien parti minn tliet proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Dan is-sit issa huwa mmexxi minn Heritage Malta, u jinfetaħ għall-pubbliku l-aħħar ħadd ta' kull xahar.[8][9][10]

Hemm ukoll fdalijiet simili fiż-żona Tal-Qares, iżda hawnhekk saru żviluppi ta' spazji residenzjali u kummerċjali fi snin riċenti li kapaċi qerdu xi ftit mill-wirt storiku f'din iż-żona.[11] F’pubblikazzjoni tal-2008, dak iż-żmien is-Sindku tal-Mosta it-Tabib Paul Chetcuti Caruana stqarr: “Kif ħafna jafu, u ħadd ma jaf, fil-viċinat ta’ Ta’ Bistra hemm mill-inqas tempju Ruman wieħed li ġie midfun mill-ispekulaturi.”[bżonn referenza]

Kappella tal-Isperanza (Kappella tal-Madonna tat-Tama)

Kappella tal-Isperanza (Kappella tal-Madonna tat-Tama)

Attrazzjoni fil-Mosta hija l-Kappella tal-Isperanza f'Wied Speranza. Il-kappella nbniet bejn l-1760 u l-1761. Leġġenda marbuta mal-Kappella tirrakkonta li, waqt invażjoni Torka, tifla żgħira u ħutha li kienu qed jieħdu ħsieb in-nagħaġ tal-familja tagħhom kienu f’riskju li jittieħdu mill-invażuri. Waqt li s-sorijiet ħarbu, it-tfajla ma setgħetx tiġri malajr biżżejjed għax baqgħet xi ftit izzappap. Jingħad li ħbiet f’għar li nstab taħt in-naħa tax-xellug tal-kappella. Sadanittant, talbet lil Marija, u wiegħdet li jekk tiġi salvata, kienet se tibni kappella ddedikata lill-Madonna. Meta waslu l-invażuri Torok li kienu qed jiġru warajha, ma fittxuhiex fl-għar għax ħasbu li t-tifla ma setgħetx tkun qed tinħeba hemm peress li fid-daħla kien hemm xibka intatta, li kienet issirilha ħsara li kieku daħlet fl-għar.[12][13][14]

Farmhouse tal-Markiż Mallia Tabone

Il-Farmhouse tal-Markiż Mallia Tabone hija attrazzjoni folkloristika mmexxija mill-Għaqda Filantropija Talent Mosti b'kollaborazzjoni mal-kunsill tal-iskola ta' maġenb. Il-farmhouse jagħti fuq Wied il-Għasel. Jospita wirjiet li jvarjaw minn pitturi, fotografija, xogħol artiġjanali, passatempi u mużew permanenti tal-folklor.[15]

Id-Dolmenijiet ta' Wied Filep

Id-dolmenijiet ta' Wied Filep

F’għalqa bejn Vjal Ragusa u Dawret il-Wied jistgħu jidhru żewġ dolmenijiet, li jmorru lura għal Żmien il-Bronż.[16]

Torri Cumbo

It-Torri Cumbo

It-Torri ta’ Cumbo, magħruf ukoll bħala t-Torri ta' Kumbu, huwa residenza fortifikata fil-Mosta. Fih kienet tgħix il-familja Cumbo fis-seklu dsatax. Fil-post hemm qabar żgħir tal-familja Nisranija mill-era Rumana.[4] Waħda mit-toroq residenzjali l-iktar antiki tal-Mosta hija msemmi 'Triq it-Torri' preċiżament wara dan it-torri; fl-inħawi nsibu ukoll Triq il-Familja Cumbo.

Siti oħra ta' interess

[immodifika | immodifika s-sors]

Ipoġew Tal-Għammariet

Dan huwa sit li aktarx inqered, u ġie rreġistrat minn Emmanuel Magri bħala li jinsab fl-raħal raħal Ħal Dimech, illum parti mill-Mosta, u mhux 'il bogħod mill-Katakombi Ta' Bistra.[bżonn referenza]

Katakombi tal-Fort Mosta u Wied il-Għasel

Ġewwa l-art tal-Fort Mosta (li llum il-ġurnata jintuża mill-Forzi Armati ta’ Malta), hemm katakombi żgħir. Oriġinarjament, dan kien qabar tax-xaft Puniku iżda ġie mkabbar f'katakombi ta' żmien Ruman komplut b'mejda agape.[17]

F’Wied il-Għasel nsibu kumpless ta' katakombi żgħir ieħor, li jikkonsisti f’sensiela ta’ seba’ oqbra mħaffra fil-blat f’forma semi-ċirkulari misjuba fil-ġenb ta’ għar naturali taħt il-Fort Mosta.[18]

Quality Schools International topera QSI Malta, skola internazzjonali, fil-Mosta.[19] Jeżistu ukoll skejjel primarji u sekondarji fil-Mosta, kif ukoll il-kampus tal-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-MCAST.

  1. "World Population Day: 11 July 2025". Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (bl-Ingliż). 2025-07-10. Miġbur 2025-11-14.
  2. "Emblem & Motto of Mosta: Meaning & History". Ħarsien Patrimonju Mosti (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-14.
  3. 1 2 Galea, Jeffrey (2004). "Mosta - a historical, urban and demographic overview" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-14.
  4. 1 2 "Cumbo Tower". Times of Malta (bl-Ingliż). 2012-04-19. Miġbur 2025-01-23.
  5. "The Lion Monument finally settled at the centre of Pjazza Rotunda Mosta Malta | Lion monument, Malta, Monument". Pinterest (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
  6. Farrugia, Amy Falzon (2023-08-09). "Jason Micallef Reveals 'Gift To Mosta People' - The Soon-To-Be Pedestrianised Pjazza" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
  7. Galea, Mario; Zammit, Gabrielle. "Report on the state of conservation of Ta' Bistra Catacombs" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-15.
  8. "Ta' Bistra Catacombs" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
  9. "Ta' Bistra Catacombs, Mosta" (bl-Ingliż). 2019-11-13. Miġbur 2025-01-23.
  10. "Il-katakombi Ta' Bistra: l-akbar kumpless ta' oqbra li nstabu s'issa lil hinn mir-Rabat" (bl-Ingliż). 2019-07-28. Miġbur 2025-01-23.
  11. Watson, Gordon. "Tal-Qares Archaeological Site 'being destroyed' for new development – Temple Rescue Malta". newsbook.com.mt (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-15.
  12. Ciantar, Noel. "MST Speranza". www.kappellimaltin.com. Miġbur 2025-01-23.
  13. Briffa, Johann A. (2016-04-11). "Kappella tal-Isperanza" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
  14. Vassallo, Louis (2008). "Il-knisja tal-Madonna ta' l-Isperanza" (bil-Malti). Miġbur 2025-11-14.
  15. Agius, Joseph (2022-01-30). "A Mosta farm that evolved into a cultural centre". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
  16. "Ħarsien Patrimonju Mosti". www.it-tarka.com. Miġbur 2025-01-23.
  17. "Fortizzi u Fortifikazzjonijiet - Kunsill Lokali Mosta". www.mostalocalcouncil.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2025-01-18. Miġbur 2025-01-23.
  18. Morana, Martin (2021-11-26). "Il-Katakombi". Kliem u Storja (bil-Malti). Miġbur 2025-01-23.
  19. "QSI International School of Malta - QSI International School of Malta". malta.qsi.org (bl-Ingliż). 2025-02-07. Miġbur 2025-01-23.
  20. "Mosta, Malta". Millbrae Sister Cities Commission (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-15.
  21. "Giovani della città di Mosta in visita al Comune". Comune di Ragusa (bit-Taljan). 2005-09-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-09-20. Miġbur 2025-11-15.